top of page
Writer's pictureBreak the Taboo Malta

Storja 44 - 29.11.2020 ~ bil-Malti

Il-projbizzjoni assoluta fuq l-abort f'Malta għandha impatt fuq kull min ikollu tqala, irrispettivament jekk hux għandhom intenzjoni li jaċċessaw abort jew le. Din l-istorja verament tenfasizza kemm huma ta' ħsara l-liġijiet Maltin dwar l-abort.


Din l-istorja ġiet disponibbli għal Break the Taboo Malta grazzi għal Doctors for Choice Malta, bil-kunsens tal-mara li kitbet din l-istorja dwar l-esperjenza tagħha.




“Sena u nofs ilu, il-partner tiegħi u jien iddeċidejna li nibdew nużaw intra-uterine device bħala metodu ta’ kontraċezzjoni. Huwa iktar minn 99% effettiv fil-prevenzjoni tat-tqala, u l-użu tiegħu huwa faċli u bla tħassib. Konna kuntenti ħafna bih.


Iżda mbagħad, ftit taż-żmien ilu, bdejt inħoss ċerta sensittività f’sidri u kelli d-dmija ftit wara l-period. Mill-ewwel ħassejt li kien hemm xi ħaġa ħażina. Għamilt test tat-tqala u kien xokk kbir għalina t-tnejn li nsibuh pożittiv. Tkellimna dwar is-sitwazzjoni, u għalkemm ma kinitx tqala ppjanata u għalkemm finanzjarjament kienet se tkun diffiċli għalina, iddeċidejna li nkomplu bit-tqala. Imma fil-fond jien kelli s-sensazzjoni li kien hemm xi ħaġa stramba f’din it-tqala u kelli seba’ mitt sena biex nagħmel scan.


Ftit jiem wara, għamilna scan u l-biża’ tiegħi b’xorti ħażina ġiet ikkonfermata: kienet tqala ektopika. It-tqala ma kinitx vijabbli. Kien impossibbli li l-embrijun jgħix, u l-preżenza tiegħu kienet qed thedded il-fertilità tiegħi u sa anke ħajti.


Kien is-Sibt filgħodu. Mort għand il-gynae u kien/et ta’ għajnuna kbira. L-iscan u t-testijiet tad-demm urew li kelli mmur tajjeb b’mediċina jisimha methotrexate, li tittratta t-tqala ektopika mingħajr il-bżonn ta’ operazzjoni, u b’hekk issalva t-tubu fallopjan. Il-partner tiegħi u jien ovvjament konna kkonfonduti b’dan kollu, imma fl-istess ħin serraħna moħħna bil-fatt li ma kienx se jkolli bżonn operazzjoni. Però ġejt infurmata mill-gynae li l-proċedura biex ningħata l-methotrexate għal tqala ektopika hawn Malta ma kienet xejn sempliċi.


It-team tal-gynae malajr ħejjew il-karti kollha biex inkun nista’ nieħu l-methotrexate Mater Dei. Iżda minħabba l-fatt li kull forma ta’ abort hija illegali Malta, kien hemm ostakoli serji li jżommu lit-tobba milli jamministraw it-trattament. Il-każ tiegħi kellu jgħaddi quddiem bord fejn kellu jiġi diskuss għal żmien konsiderevoli qabel ma l-karti jkunu jistgħu jiġu ffirmati minn persuni speċifiċi fl-isptar u b’hekk tingħatali l-mediċina. Dan il-proċess dam jumejn u nofs. F’dan iż-żmien, l-embrijun baqa’ jikber u kull siegħa li għaddiet ġabet magħha r-riskju li ssir ħsara lit-tubu fallopjan jew li dan jittaqqab jew jinfaqa’. Iktar ma jgħaddi l-ħin, inqas kien hemm ċans li t-trattament jaħdem. Ħajti u l-fertilità tiegħi kienu qed jitpoġġew f’riskju minħabba dewmien proċedurali inutli marbut mal-projbizzjoni assoluta tal-abort.


Eventwalment, it-trattament ġie approvat. L-ewwel doża ma ħadmitx, parzjalment minħabba dan id-dewmien fit-trattament, billi din il-kundizzjoni hija marbuta ħafna maż-żmien. Kelli nerġa’ nidħol l-isptar għal doża oħra, li b’xorti tajba ħadmet. Din kienet esperjenza trawmatika li ġiet aggravata ħafna minn din il-problema bil-methotrexate. Nikkunsidra ruħi ffurtunata li issa sejra għall-aħjar. Iżda għadni ma nistax nemmen kif l-affarijiet jistgħu jibqgħu kif inhuma.”

125 views

Recent Posts

See All

Commentaires


bottom of page