top of page
Writer's pictureBreak the Taboo Malta

Storja 18 - 04.05.2019 ~ bil-Malti

“Kien biss wara li sirt naf bil-grupp il-ġdid, Doctors for Choice, li ddeċidejt li nitkellem dwar dak li għaddejt minnu.”





“Wara numru ta’ snin bi problemi ta’ fertilità, sa fl-aħħar inqbadt tqila. Kollox kien taħt kontroll. Kont qed nieħu l-mediċina ‘neċessarja’ kollha u b’hekk jien u żewġi konna ferħanin se ntiru li fl-aħħar kien se jkollna l-familja li dejjem xtaqna.


Morna għal nuchal scan u bħal sajjetta fil-bnazzi qalulna li t-tarbija kellha numru ta’ abnormalitajiet. Bqajna xxukkjati. Lanqas biss għamilna reazzjoni. Komplew jinfurmawna li jekk jirnexxili nkompli bit-tqala u nwelled, it-tarbija kien se jkollha tagħmel bosta operazzjonijiet barra minn Malta. Aktar minn hekk, kienet se tqatta’ ħajjitha fis-sodda u wisq probabbli jkollha ‘tiekol’ minn tubu. Ma ridniex nemmnu dak kollu li kienu qed jgħidulna, u b’hekk iddeċidejna li nieħdu opinjoni ta’ ħaddieħor. Fil-qasir, ikkonsultajna ma’ 7 speċjalisti, inklużi pedjatriċi u kirurgi, lokalment u anke barra; kollha kemm huma kienu tal-fehma li t-terminazzjoni tat-tqala kienet l-aħjar għażla.


Kellna l-appoġġ mill-qraba, speċjalment mill-ġenituri tagħna (li għandhom ’il fuq minn 60 sena u huma rtirati) u b’hekk tlaqna lejn sptar ġenerali magħruf f’Londra. Qatt ma immaġinajna li l-flus kollha li faddalna matul is-snin b’ħidmietna, u li kellhom jintużaw għall-ħwejjeġ, l-ikel, il-ġugarelli u l-edukazzjoni tal-wild tagħna, minflok konna se nużawhow biex intemmu t-tqala.


Bqajna nittamaw li l-affarijiet setgħu jaqilbu għall-aħjar u kkonsultajna ma’ fetal medicine specialist. Hija għamlet ultrasound scan biex tikkonferma mill-ġdid l-anomaliji, iżda qaltilna li l-affarijiet marru għall-agħar. Sadanittant, għamilna wkoll amniocentesis (test li ma jsirx f’Malta) biex niċċekkjaw setax kien hemm problemi ġenetiċi.


Aħna (għax id-deċiżjoni aħħarija ħadnieha flimkien, jien u żewġi) iddeċidejna li mmorru għal terminazzjoni medika. Terminazzjoni medika mhix kirurġika u l-mara tiġi indotta bil-mediċini u t-tarbija toħroġ b’mod naturali. Qed insemmi dan il-fatt għax ta’ spiss it-terminazzjoni titpinġa bħala tarbija li tiġi mbiċċra, meta assolutament mhuwiex il-każ bit-terminazzjoni medika. Għadni niftakar lit-tabib jimla l-formuli u jispjegalna kollox. Staqsiena kif konna se nagħmlu biex nidfnu t-tarbija. Ma kellniex għażla oħra ħlief li nagħżlu d-difna komuni li ssir mill-isptar stess.


Waqt li kont qed nibki u niffirma l-aħħar dokumenti, it-tabib għannaqni u b’vuċi baxxa qalli, “int kuraġġjuża.” Dak il-ħin ikkonfermajt tabilħaqq li kont qiegħda nsalva lil wildi minn ħafna wġigħ u tbatija.


Fl-ewwel jum ingħatajt pillola u morna lura fil-kamra tal-lukanda. Issakkarna ġewwa għal jumejn sħaħ għax bżajna li stajna niltaqgħu ma’ xi ħadd li nafu. Wara morna lura fil-ward biex niġi indotta.


Wara bosta sigħat, wellidt it-tarbija tiegħi. Minkejja l-anomaliji kollha li kienu viżibbli, aħna rajnieh sabiħ f’għajnejna. Għannaqnieh, tajnieh isem, qattajna l-ħin miegħu, ħadna r-ritratti u ħabbejnieh. L-istaff appoġġjawna ħafna u rrikonoxxew li morna għal terminazzjoni għax tassew konna nħobbu lit-tarbija tagħna u ma ridniex narawha tbati.


Il-ħolma li nibdew familja taret mar-riħ f’ħakka t’għajn. Ikolli nammetti li dan kien żmien iebes għat-tnejn li aħna. Bżajna nitolbu u nfittxu l-għajnuna għax ma stajniex nagħtu xi tip ta’ informazzjoni. Inħossu li aħna outsiders għas-soċjetà tagħna. Inħossu li l-gvern ittradiena meta baqa’ passiv f’ċirkostanzi bħal dawn. Din ma kinitx il-ħolma li kellna. Din ma kinitx xi ħaġa li qatt xtaqna. Aħna miżżewġin, inħallsu t-taxxi, u konna biss qegħdin nippruvaw nibnu familja. Kellna bżonn l-appoġġ. Fl-aħħar, ma nistax ma nirringrazzjax lill-ġinekologu tiegħi li fehem ir-raġunament tagħna u appoġġjana bis-sħiħ, irrispettivament mid-deċiżjoni tagħna.”

602 views

Recent Posts

See All

コメント


bottom of page