“Dwar il-Proċedura tal-Abort li Esperjenzajt
Jien għamilt abort wara li tlift il-Mirena u ħriġt tqila ta’ 44. Naturalment, ma ridtx noħroġ tqila u kont nagħmel kull ma nista’ biex ma jiġrix dan għal diversi raġunijiet li ma huma affari ta’ ħadd.
Qed niktbilkom għax qed nara ħafna ideat żbaljati dwar il-proċedura. Sakemm indunajt li kont tqila, kienu diġà għaddew 12-il ġimgħa. Minħabba l-età, il-ginekologu lokali kien ħafna ta’ għajnuna u indikali xi sptarijiet fir-Renju Unit fejn stajt nagħmel xi testijiet biex nara l-istat tas-saħħa tat-tarbija. Dawn it-testijiet dak iż-żmien ma kinux isiru Malta. Irrifletejt dwar dan u ddeċidejt li jekk kont lesta li nagħmel abort fuq “tarbija” b’difetti tas-saħħa potenzjali mela kont lesta li nagħmel abort u ma ħassejt l-ebda ġibda lejn din it-tarbija. Allura fittixt online dwar l-abort fir-Renju Unit u ktibt lil Marie Stopes. Kienu ta’ għajnuna kbira u wieġbu l-mistoqsijiet kollha u tawni appuntament.
L-agħar aspett tal-abort kienu n-nies ‘pro-life’ insensittivi u injoranti li kien hemm quddiem il-klinik ta’ Londra iqassmu l-leaflets dwar it-trabi u jgedwu l-ħmerijiet qishom ħarbu minn xi sptar mentali. Il-kumplament ta’ filgħodu mexa b’karità u komprensjoni u kien inqas trawmatiku minn viżta għand id-dentist.
Għal dawk li qatt ma tkellmu ma’ xi ħabiba, oħt jew kuġina li kellha abort, nista’ niżgurahom li hija mingħajr uġiegħ u ma ddumx. Il-klinik kien hemm ħafna nies, ta’ kull età, xi nisa weħidhom, oħrajn mal-partners jew xi membri oħrajn tal-familja. Kulħadd jistenna flimkien f’waiting room kbira. Post calm u movimentat, in-nies jistennew, xejn atmosfera ta’ dwejjaq u swied il-qalb. Immaġina n-nies jistennew għand l-ARMS (biex iħallsu l-kont tad-dawl) – iva, dik it-tip ta’ atmosfera.
Meta jmissek, l-ewwel tmur għall-ultrasound u n-nurse tispjega kemm għandek ġimgħat ta’ tqala u titkellem miegħek biex tkun ċerta li int taf x’int tagħmel, li ġejt min jeddek u li tista’ tbiddel id-deċiżjoni f’kull ħin, u kif taħdem il-proċedura. Hija prattika ħafna u kollox qisu rutina. Tispjega li sejra turi r-riżultat tal-ultrasound u l-karti ta’ konferma li jien kont ifirmajt, fejn għidt li fhimt u li ridt inkompli l-proċedura, lit-tobba għalhiex iridu jiffirmaw żewġ tobba biex tkompli l-proċedura.
Hija spjegat li jien kelli 14-il ġimgħa tqala u li kont neħtieġ abort kirurġiku u li nkun illuppjata u ma nħoss xejn. Ningħata żewġ pinnoli, waħda qabel il-proċedura u waħda wara u xi ftit biex noħodhom id-dar biex nevita xi infezzjoni (waħda l-lejl ta’ wara l-proċedura u għall-jumejn ta’ wara). Imbagħad qaluli biex nistenna u ma jdumux ma jsejħuli. Meta miss lili ħaduni f’kamra oħra kbira u arjuża. Xejn ma tixbaħ sala ta’ sptar iżda aktar qisa kamra kbira b’għamara li tixbaħ id-deckchairs/sunbeds mhux sodod. Hawn biddilna u lbisna ġagaga bħal tal-isptar. Konna xi 20 b’kollox. Ingħatajt deckchair u qaluli biex nistenna biex in-nurse iddaħħalni għall-proċedura fi ftit ħin.
Waqt li qed nistenna, iltqajt ma’ Amanda. Kienet qalbha sewda għax ma riditx tagħmel l-abort u minħabba li kellha l-cancer (ma staqsejtx fejn u ta’ liema tip) u xtaqet li tista’ trabbi din it-tarbija d-dar flimkien maż-żewġ subien li diġà kellha, iżda ma kinitx taf jekk kinitx tkun tista’ tkampa wara l-kura li kellha bżonn biex tibqa’ tieħu ħsieb iż-żewġt itfal zgħar. Jekk niftakar sew qalet li kellhom sitt snin u erbgha snin.
Malajr miss lili u mort man-nurse – li kienet tip ħelu qisha n-nanna b’għajnejn li jgħadru u staqsietni minn fejn ġejt – fil-kamra medika, kollox abjad u sodda tal-operazzjonijiet u magna fejn kien hemm żewġ tobba u żewġ nurses. Qaluli biex nimtedd u li se jtuni l-loppju. It-tobba kienu veru ħelwin u staqsewni minn fejn kont. Għidtilhom li minn Malta u assigurawni li ma kellix fuq xiex ninkwieta għax ħadd ma kien se jkun jaf li għamilt abort u jekk xi ħadd jistaqsi kelli ngħid li kelli korriment. In-nurse żammitli idi u staqsietni jekk kontx waħdi jew jekk kien hemm xi ħadd miegħi. Għidtilha li l-partner kien qed jistennieni u li kien jissapportjani ħafna.
Il-loppju ħassejtu stramb. Ħassejtni rieqda u mqajma fl-istess ħin. Niftakar lit-tobba jagħmlu xi ħaġa ‘hemm isfel’ u nisma’ ħoss qisu ta’ vacuum, in-nurses iżommuli idi u l-ebda uġiegħ, xejn. Kollox għadda malajr ħafna, u wara dak li jien ħassejt qisu ftit minuti mort lura fuq is-sodda qisha deckchair. Amanda kienet għadha ma ġietx lura. Ma ħassejt l-ebda uġiegħ, l-ebda rimors, l-ebda sens ta’ ħtija. In-nurse qisha nanna reġgħet ġiet tistaqsini kif kont qed inħossni u qaltli li aħjar nistrieħ għal madwar 20 minuta jew nofs siegħa u li t-tobba xtaqu jagħmlu ultrasound ieħor għax, billi jien kont minn Malta, riedu jkunu ċerti li kollox kien perfett. Kont grata ħafna ta’ dan.
Wara nofs siegħa mort għall-ultrasound u stennejt xi ftit minuti sakemm in-nurse uriet ir-riżultat lit-tobba. Kollox kien mexa sew u qaluli li nista’ mmur. Fakkruni biex filgħaxija nieħu l-pilloli li tawni u biex inċempel jekk ikolli xi problemi jew mistoqsijiet. U dak kollox.
Dakinhar bqajna l-lukanda naraw il-films u użajna r-room service. L-għada kienet ġurnata normali u li kont Malta kont immur ix-xogħol. Ma ħassejt xejn, ħassejtni normali bħal kull ġurnata oħra. Lanqas biss uġiegħ tal-period jew xi ħaġa hekk. Morna shopping. Kien il-Ħadd u t-Tnejn konna lura Malta.
Qatt ma ddispjaċieni u qatt ma għidt lil ħadd. Jien u l-partner biss nafu. Nixtieq li xi darba nkun nista’ nitkellem bla ħabi dwar dan f’Malta. Grazzi talli tifhmu u tgħinu lin-nisa f’sitwazzjoni bħal tiegħi.”
Comments