“Ftit ilu tlabtuna biex naqsmu l-esperjenzi tagħna – dan l-aħħar qed jiżdied id-dibattitu dwar l-abort. Hawn ħafna opinjonijiet estremi – u nsibha diffiċli nifhem għaliex hawn min irid iċaħħad in-nisa minn dan id-dritt. Jien għamilt abort xi snin ilu.
Minn dejjem kont mistħija fir-rigward tal-irġiel u qatt ma kelli – u għad m’għandix – ħafna esperjenza fid-dating. Iżda meta kont l-università ltqajt ma’ student barrani (Żvediż) fl-istess kors li mill-ewwel ħassejtni miġbuda lejh. Kien twil u gustuż, smart u kien jaf idaħħakni. Kellu personalità qawwija li kienet tiġbidni. Konna party u bdejna nilgħabu logħba fejn kulħadd jixrob u huwa talabni biex inkunu sħab fil-logħba. Ħassejtni l-aktar mara ffortunata fid-dinja meta smajt dan 🙂
Wara l-party iltqajna diversi drabi u komplejna niċċattjaw – dak iż-żmien konna nużaw l-ICQ jekk niftakar sew. Iddeċidejna li nibqgħu niltaqgħu – allura konna nivvjaġġaw ta’ spiss – jien mort l-Iżvezja u hu ġie Malta u spiss konna niltaqgħu f’postijiet oħrajn ukoll – bħal Ruma u Firenze. Għaddew sentejn – kienet relazzjoni mil-bogħod u għalhekk ma kinitx faċli iżda kont inħobbu u ridtha tirnexxi. Ftehemna li nibda ngħix miegħu meta niggradwa billi kont se niggradwa sena qablu. U hekk għamilna. Meta mort noqgħod hemm naturalment bdejna ngħixu flimkien.
Għall-ewwel kollox mexa sew – iżda l-affarijiet bdew jinbidlu bil-mod hekk kif isetiljajt fil-ħajja ta’ hemmhekk. Jien malajr għamilt il-ħbieb u involvejt ruħi f’ħafna attivitajiet. Wara irrealizzajt li ma ħax gost b’dan u beda joħloq ir-raġunijiet għaliex m’għandix noħroġ, m’għandix nissoċjalizza, eċċ. Żidt fil-piż madwar 5kg u hemm beda l-abbuż verbali – “diġà kont ħoxna, tkomplix iżżid”. Ma stajtx nidħol fil-kċina biex ma nkunx nista’ mmiss l-ikel.
F’għeluq sninu ibbukkjajt weekend break u rrifjuta li jiġi miegħi għax qal li ma riedx jidher miegħi fil-pubbliku. Dejjem kien jgħidli “Int qatt ma titlaqni – kerha wisq u ħadd m’hu ħa jridek izjed. Jekk titlaqni tibqa’ waħdek għal ħajtek kollha.” L-agħar ħaġa f’dan kollu kient li s-self-esteem tiegħi tant kien baxx li kont nemmen li kellu raġun – li kont kerha u ħoxna (kont nilbes 14 ta!) u li kont nibqa’ waħdi għal dejjem u allura bqajt hemm nissaporti l-abbuż. Ftit ġimgħat wara beda jsawwatni fiżikament ukoll. Staportejt għal ftit taż-żmien iżda eventwalment għidt daqshekk u ddeċidejt li nitlaq. Sibt appartament fiċ-ċentru tal-belt u kont lesta li anki nibqa’ waħdi għall-kumplament ta’ ħajti jekk hekk hemm bżonn.
Fl-14 ta’ Frar tal-2009 xi ħadd ħabbatli l-bieb. Ftaħt, sibt lilu, qalli li ried ikellimni u daħal ġewwa bil-forza. Bdejna nargumentaw... Ma tantx niftakar minn dal il-lejl. Tant sawwatni li ntlift minn sensija u qomt bi ħwejġi mqattgħin! Ħassejtni mbarazzata u nistħi. Ħadt shower u qatt ma erġajt semmejt dak li ġara.
Iddeċidejt li nitlaq u tajt in-notice ix-xogħol. Kien baqagħli xi ġimgħat biex naħdem u qabel ma tlaqt indunajt li l-period kien tard – ma ridtx nemmen li kont tqila! Ma ridtx li dik tkun l-istorja tiegħi – ma ridtx li nkun marbuta ma’ dan il-mostru għall-kumplament ta’ ħajti! Għamilt it-test tat-tqala u ġie pożittiv – l-aktar ħaġa li werwritni. Kont naf li kieku kelli nwelled din it-tarbija qatt ma kont neħles minnu – ried it-tfal u dejjem qal li ried tnejn u li jiġri warajja mad-dinja kollha biex ikollu kontroll fuq uliedu
Hemm kien meta ddeċidejt – le ħajti ma kintx se tkun hekk – iddeċidejt li nagħmel abort. Jiddispjaċini? Le! Nerġa’ nagħmel l-istess? Iva, nerġa’ nagħmel l-istess għax kieku kelli dik it-tarbija probabbilment ma kontx inkun hawn biex nirrakkonta din l-istorja. Tul il-karriera għint ħafna nies u naf li d-dinja kienet tkun agħar kieku kont mejta u hu jkun qed irabbi dan it-tifel jew tifla waħdu.
Kont ili s-snin ma narah – dan l-aħħar sirt naf li żżewweġ u kellu tifla li taha ismi! F’Settembru kont btala Franza u ltqajt miegħu hemm – ma kienitx faċli nerġa’ niffaċċjah! Ftit ġimgħat ilu kien San Valentinu. Bagħatli messaġġ permezz tal-media soċjali, staqsieni jekk għadnix waħdi f’San Valentinu u awgurali San Valentinu feliċi. Naturalment dawk l-awguri kellhom tifsira – kienet il-ġurnata li kien stuprani għaxar snin qabel.
Illum għadni single u nsibha diffiċli biex nafda lill-irġiel wara storja bħal din iżda għallinqas meta nħares fil-mera m’għadnix nara l-mostru li kien wassalni biex nemmen li kont! Lil dawk li jaħdmu kontra l-abort ngħidilhom biex jekk jogħġobhom jiftakru li ħadd mhu qed jisfurzahom biex ikollhom abort kontra r-rieda tagħhom – jekk ma tridx tagħmilha, ħadd mhu jġiegħlek! Iżda għal xi ħadd li jkun għaddej minn xiex għaddejt jien, tista’ tkun kwistjoni ta’ ħajja jew mewt! Fortunatament, il-biċċa l-kbira tan-nies li naf probabbilment jaffordjaw li jsiefru biex jagħmlu abort f’sitwazzjoni bħal tiegħi imma jekk ma tiġix introdotta hawn ifisser li dawk li ma jaffordjawx isiefru, jekk ikunu ddisprati biżżejjed, ikollhom jirrikorru għal mezzi illegali perikolużi ħafna.”
댓글